“IDEA MIŻ-ŻGĦAR GĦALL-KBAR” - ĠNIEN IX-XEWQAT SBIEĦ

preview_player
Показать описание
ONE.COM.MT •Fir-residenza San Vinċenz de Paul, ġie inawgurat Ġnien ix-Xewqat Sbieħ.

Dan il-ġnien jista’ jitgawda minn kulħadd, iżda fil-qofol tal-ħsieb tiegħu, hemm l-anzjani bid-dimensja.

Kollox beda minn ħolma ta’ grupp ta’ studenti Universitarji, li ħarġu b’disinn li jinkludi karatteristiċi li jgħinu nies bid-dimensja, u li jistimulaw sensi bħas-smigħ u x-xamm.

KITBA: TRISCHIA FALZON
FILMAT: BJORN BONELLO

Żona ta’ għaxart elef metru kwadru f’San Vinċenz de Paul, li kienet tintuża biss bħala bitħa, inbidlet fi ġnien terapewtiku, mibni apposta għal persuni bid-dimensja.

Dan il-ġnien ġie inawgurat, wara li tlesta x-xogħol fuqu b’investiment ta’ tliet kwart ta’ miljun ewro.

L-idea wara Ġnien ix-Xewqat Sbieħ nibtet minn grupp ta’ studenti Universitarji li ħarġu bl-idea ta’ disinn ta’ ġnien li jgħin u jistimula l-moħħ ta’ persuni bid-dimensja.

Il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz de Paul, it-tabib Josianne Cutajar, spjegat ma’ ONE News il-karatteristiċi uniċi li jsawru lil dan il-ġnien u jagħmluh attraenti għal kull min jgħaddi minnu.

DR JOSIANNE CUTAJAR
IL-KAP EŻEKUTTIV TA’ SVDP
“Fih ħafna stimulu ta’ sensi. Tisma’ l-għasafar, għandhom il-mużika, it-tip ta’ fjuri li poġġejna, għandhom ir-rokna aromatika biex jistgħu jħossu u jxommu r-riħa tal-herbs, jiġifieri minnu nnifsu se jkun qed jistimulahom. Apparti dan huwa safe ħafna, jiġifieri meta persuni bid-dimensja se jkunu qed iduru f’dan il-ġnien, jistgħu jduru waħedhom għax qatt mhu se jintilfu.”

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela nnota li fil-passat, iż-żona li fiha sar il-proġett kienet miżbla tal-armata Ingliża li fiha kienu jintremew kanuni u biċċiet ta’ ajruplani.

Għaldaqstant tenna s-sodisfazzjon tiegħu li minn miżbla tal-gwerra, issa hawn ġnien tax-xewqat sbieħ.

Innota wkoll b’mod pożittiv kif din l-idea ġiet miż-żgħar għall-kbar; u dan il-kunċett għandu jitħaddem aktar fil-prattika għal proġetti futuri.

Irrimarka li bħalissa f’pajjiżna, hawn madwar sebat elef persuna jgħixu bid-dimensja u huwa mbassar li dan in-numru jittripplika fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant il-bżonn ta’ proġetti bħal dawn, li jagħtu nifs ġdid lil persuni li jbatu f’postijiet magħluqa u jgħixu ħajja b’ħafna kundizzjonijiet.

JO ETIENNE ABELA
MINISTRU
“Hawnhekk tista’ ssir group therapy. Anki jekk ma ssirx group therapy, li pazjent bid-dimensja joħroġ fi spazju miftuħ u jista’ jdur, jisma’ l-għasafar, il-mużika fl-isfond, ixomm irwejjaħ ifuħu, dik diġà minnha nnifisha hija terapija allura dan huwa l-kunċett ħolistiku biex dawn ir-residenti jieħdu r-ruħ.”
Рекомендации по теме
visit shbcf.ru