Premjazzjoni L-Għanja tal-Poplu 2020

preview_player
Показать описание
Press Release
  IR-REBBIEĦA TAL-44 EDIZZJONI TA’ L-GĦANJA TAL-POPLU
Festival tal-Kanzunetta Maltija

L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija, din is-sena ħa xejra ġdida permezz ta’ festival televiżiv bi produzzjoni tal-Għanja tal-Poplu b’kollaborazzjoni ma’ PBS. Din s-sena l-palk tal-festival kienu it-toroq u rkejjen pittoreski fl-ibliet li jdawru l-Port il-Kbir. Il-festival xxandar nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru.

F’din l-edizzjoni żdiedu in-numru tal-kantawturi - parteċipanti li jesprimu ruħhom billi joħolqu kanzunetta u jinterpretawha huma stess.

Il-kanzunetta ‘Jien u Int’ tal-kantawtriċi Marilyn Aquilina rebħet it-titlu ta’ L-Għanja tal-Poplu 2020. F’din il-kanzunetta, Marilyn tesprimi l-emozzjonijiet u s-sentimenti personali u ġenwini ma’ xi ħadd li diġà bena ħajt madwaru.

Il-kanzunetta ‘Sant’ Antnin’ tal-kantawtriċi Rita Pace ġiet kklassifikata fit-tieni post. Rita tgħid li Sant’Antnin qisu s-segretarju tagħha u li dejjem tqabbdu jfittxilha kull xorta ta’ affarijiet - kemm affarijiet ta’ kuljum imma wkoll affarijiet iktar serji.

Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta ‘Sakemm Sibt Garaxx’ kantata minn Sarah Micallef Muscat, fuq kliem ta’ Frederick Camilleri u mużika ta’ Augusto Cardinali. Il-kanzunetta titkellem dwar ir-regħba tal-ftit li qegħda tkun konsegwenza ta’ tbatija għal uħud minn fostna bħal pensjonanti u immigranti li jispiċċaw jgħixu f’garaxx, b’kera baxxa u bla ilma u dawl, fl-aqwa żmien. 

Il-premju għall-interpretazzjoni intrebaħ minn Kemmuna Airways, id-duo li reġa’ għamel comeback bil-kanzunetta ‘Il-Ħass u l-Basal’, kliem u mużika ta’ Rita Pace. Il-kanzunetta b’mod qajjiemi tesprimi r-realtà tal-Maltin li jinsabu miexja ġo deżert ta’ ċapep bojod ta’ bini, jibilgħu l-mediċini kontra s-sogħla u d-dipressjoni u ma jgergrux għax jgħidulhom li hawn il-flus.

Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Mark Cachia bil-kanzunetta ‘Normalità Ġdida’ interpretata mill-JAMM Band, kanzunetta dwar il-ħajja tagħna f’din l-epidemija li laqtitna. Il-premju l-aħjar kantawtur mar għand Jean Claude Vancell bil-kanzunetta ‘F’Dirgħajk’. Jean Claude jesprimi dak li ħass meta kien qiegħed jivvjaġġa waħdu l-Amerka u għalkemm ra ħafna ġmiel u gawda kemm felaħ, baqa’ jaħseb fl-imħabba li ħalla warajh.

Il-mistieden speċjali kien Philip Vella, ir-rebbieħ ta’ L-Għanja tal-Poplu 2019 li nieda l-album tiegħu 60+ u kanta l-kanzunetti mill-istess album ‘Il-Verità’ u ‘Ġenna u Nfern’.

Ippreżentaw is-serata tal-festival l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.
Minkejja l-pandemija il-festival kien suċċess u kien segwit minn numru kbir ta’ telespettaturi minn fuq it-televiżjoni.
L-Għanja tal-Poplu huwa mgħejun mill-Kunsill Malti għall-Arti u mill-Valletta Cultural Agency. Il-PBS (taħt id-direzzjoni ta’ Gordon Bonello) kienet responsabbli mill-produzzjoni televiżiva tal-festival.

Aktar tagħrif:
Рекомендации по теме